Nistħajjel
lil Ġaħan li ġimgħatejn ilu ħareġ ipaqpaq wara li rebaħ il-Partit Laburista u
jxejjer il-bandiera Maltija, kif mitlub mill-Prim il-ġdid ta’ pajjiżu, filwaqt
li jgħajjat ‘Tagħna Lkoll’ b’kemm għandu saħħa.
Niftakar fil-kburi
Nazzjonalist li tant ħassu superjuri waqt li jpoġġi dan l-istess timbru wara
ismu, mingħajr ma lanqas jinduna bin-NAZZJON fil-kelma nazzjonalist u x’aktarx lanqas biss jifhem is-sinifikat tagħha.
U jiġini
f’moħħi dak il-Malti li sejjaħ lil Franco Debono traditur għax poġġa
l-interessi ta’ pajjiżu qabel l-interessi tal-partit tiegħu.
U
nimmaġinhom it-tlieta li huma maġenb xulxin, fis-sodda tal-barrani ġar tagħna,
ibiegħu ġisimhom għal daqsxejn ta’ rebħa li maż-żmien tintesa mal-oħrajn.
U fl-isfond ta’ dawn il-ħsibijiet kollha bħal nisma’
leħen Rużar Briffa jlissen il-poeżija tiegħu Jum ir-Rebħ b’tifkira ta’ ġrajja
li seħħet fil-25 ta’ Marzu 1945 fl-istejdjum tal-Gżira, meta waqt logħba futbol
li kienet ser tintlagħab bejn it-tim nazzjonali Malti u dak Jugożlav, il-Maltin
qamu, b’mod spontanju, jkantaw l-Innu Malti b’rispett lejn pajjiżhom wara li
dan ma ndaqqx u minfloku ndaqq l-innu Ingliż. U nistħajjel lil Mikiel Anton
Vassalli għal darb’oħra jitqalleb minn fejn jinsab, din id-darba b’korla liema
bħalha u jisħet lil dawn ħutu li snin wara, minkejja mingħalihom li mxew ‘il
quddiem, reġgħu lura għal poplu maħkum minn nuqqas ta’ dinjità u rispett lejn
artu, lejn missirijietu u lejh innifsu.
No comments:
Post a Comment