Sunday, May 19, 2013

Il-mara ideali!


Xi ġimagħtejn ilu fuq NET TV Gloria Mizzi stiednet ħames nisa li kollha, fi żmienhom, kienu rebħu l-istess kuntest. Dan il-kuntest m'għadux isir illum iżda hi spjegat kif żmien ilu xi kontessa partikolari kienet torganizza il-Kuntest tal-Mara Ideali li r-rebbieħa tiegħu kienet titla' tikkompeti l-Italja flimkien ma kontinġent sħiħ ta' nisa jakkumpanjawha. Biex tikkwalifika għal dan il-kuntest ridt tissodisfa xi ftit kriterji. Il-mara ideali kellha tkun:
1. miżżewġa, 2. mara tad-dar, 3. taf tirrakma, tħit, issajjar, tgħaddi u tnaddaf. U naturalment ir-raġel tagħha kellu jtiha permess tikkompeti.


Min jaf illum kif tkun kieku jkollna nagħżlu l-mara ideali? Min jaf xi jkunu l-kriterji neċessarji li jkollha tissodisfa mara li taspira għal dan it-titlu illum fl-2013? Forsi twila u rqiqa, xagħarha bblowjat, difrejha tal-plastic u timxi fuq takkuna ta' mill-inqas tlett pulzieri mingħajr tbatija ta' xejn? Forsi mara emanċipata li taf xi trid u kapaċi tibni familja filwaqt li xorta waħda timxi l-quddiem fil-karriera tagħha? Jew mara li kapaċi taqbeż għad-drittijiet tagħha, tinża b'sidirha barra bla mistħija biex tiġġieled għall-ugwaljanza u turi li ġisimha mhux għall-bejgħ? Jew inkella mara moderna, versatili u sportiva jew artista, kantanta, attriċi? Jew avukata, tabiba, studjuża, xjenzata li skopriet il-kura għal xi marda kiefra? 



Jew forsi, kif jindika dan il-pavaljun imdendel f'Birkirkara, iva fl-2013, il-mara ideali għandha tkun tixbaħ lil Santa Rita; mudell perfett tan-nisa f'kull stat tagħhom?

Santa Rita? Dażgur! Mara obbidjenti li żżewġet ta' tnax-il sena, għax imġiegħla minn missierha, lil raġel sinjur li dam isawwatha għal għoxrin sena. Baqgħet miegħu sa ma kkonvertietu u ftit wara nqatel b'diversi daqqiet ta' arma ppuntata. Naturalment rabbiet lil uliedha li l-ewwel wieħed wellditu ta' tnax-il sena u fl-eta ta' 36, wara li romlot daħlet soru, kif kienet ilha tixtieq tagħmel minn qabel ma missierha żewwiġha. Fil-ħin liberu tagħha kienet issawwat lilha nfisha biex dnubietha jinħafrulha.

Nittama biss li ma kinitx mara li ħarġet bl-idea ta' dan il-pavaljun ġenjali!



Ritratt meħud minn Toni Attard.


Saturday, May 18, 2013

Kellimni bl-ingliż please


Reġa bdieli! Wasalna f'nofs il-kuntest mużikali li ħliefu, aħna l-maltin, m'għandnix biex nhedew u ddeċidejt li nikteb blogg ġdid. Iżda blogg wieħed dwar il-Eurovision inħoss li hu biżżejjed allura dan se jieħu post ta' qablu.



Finalment wara snin twal, ħlisna minn Eileen Montesin u mingħajr ma ndur wisq mal-lewża minn ġot-taġen intfajna għal ġon-nar! Mhux se nikkummenta wisq dwar il-kummentarju u l-battuti xi kultant tajbin u aktar spiss fjakki taż-żewġ kummentaturi ġodda, li ormaj ħadu post Becky u sirt issibhom kull ħin u kull mument tal-ġurnata fuq l-istazzjon nazzjonali, imma fuq kummenti ta' kategorija partikolari nħoss li ma nistax ma nikkummentax.

Ma' kull kanzunetta kantata bil-franċiż, ċiniż, ġermaniż jew xi lingwa oħra li mhix l-ingliż, Gordon u Rodney qed jidhrilhom li hi idea tajba li jgħaddu biż-żmien din id-deċiżjoni. Qisu għax aħna bħala poplu għażilna li niċħdu l-lingwa tagħna biex intellgħu diski kantati bl-ingliż biex kulħadd jifhimhom u b'hekk immorru aħjar, allura kulħadd għandu jagħmel bħalna. 


Ma nafx jien min hu l-akbar ħmar, bejn pajjiż li jagħżel li jesponi l-lingwa tiegħu f'kompetizzjoni ta' mużika li l-biċċa l-kbira tagħha hi medjokri jew dak il-pajjiż li jibqa' jħoss li biex jintgħoġob għandu jissellef lingwa barranija bit-tama li xi darba jiġi mifhum. 

Tuesday, March 26, 2013

Maltin bħali

Ġimagħtejn biss il-bogħod mill-elezzjonijiet ġenerali, avveniment bħal tal-lum narah ironiku wisq. Ġewwa Ta’ Qali llejla parti mill-popolazzjoni Maltija, nittama kemm jista’ jkun ċkejkna, se tinġabar biex turi s-sapport tagħha lejn it-tim nazzjonali tal-futbol, mhux Malti imma Taljan.


U nistaqsi bejni u bejn ruħi, min jaf kemm minn dawn il-Maltin bħali li llejla se jkunu lebsin il-blu, ixejjru bandiera bajda u ħamra, u ħadra u x’aktarx joffendu lill-Maltin ta’ faċċata tagħhom, matul dan l-aħħar xahar kienu fuq il-fosos tal-furjana għal xi mass meeting ta’ wieħed mill-partiti politiċi?
Nistħajjel lil Ġaħan li ġimgħatejn ilu ħareġ ipaqpaq wara li rebaħ il-Partit Laburista u jxejjer il-bandiera Maltija, kif mitlub mill-Prim il-ġdid ta’ pajjiżu, filwaqt li jgħajjat ‘Tagħna Lkoll’ b’kemm għandu saħħa.
Niftakar fil-kburi Nazzjonalist li tant ħassu superjuri waqt li jpoġġi dan l-istess timbru wara ismu, mingħajr ma lanqas jinduna bin-NAZZJON fil-kelma nazzjonalist u x’aktarx lanqas biss jifhem is-sinifikat tagħha.
U jiġini f’moħħi dak il-Malti li sejjaħ lil Franco Debono traditur għax poġġa l-interessi ta’ pajjiżu qabel l-interessi tal-partit tiegħu.
U nimmaġinhom it-tlieta li huma maġenb xulxin, fis-sodda tal-barrani ġar tagħna, ibiegħu ġisimhom għal daqsxejn ta’ rebħa li maż-żmien tintesa mal-oħrajn.
U fl-isfond ta’ dawn il-ħsibijiet kollha bħal nisma’ leħen Rużar Briffa jlissen il-poeżija tiegħu Jum ir-Rebħ b’tifkira ta’ ġrajja li seħħet fil-25 ta’ Marzu 1945 fl-istejdjum tal-Gżira, meta waqt logħba futbol li kienet ser tintlagħab bejn it-tim nazzjonali Malti u dak Jugożlav, il-Maltin qamu, b’mod spontanju, jkantaw l-Innu Malti b’rispett lejn pajjiżhom wara li dan ma ndaqqx u minfloku ndaqq l-innu Ingliż. U nistħajjel lil Mikiel Anton Vassalli għal darb’oħra jitqalleb minn fejn jinsab, din id-darba b’korla liema bħalha u jisħet lil dawn ħutu li snin wara, minkejja mingħalihom li mxew ‘il quddiem, reġgħu lura għal poplu maħkum minn nuqqas ta’ dinjità u rispett lejn artu, lejn missirijietu u lejh innifsu.