Tuesday, March 26, 2013

Maltin bħali

Ġimagħtejn biss il-bogħod mill-elezzjonijiet ġenerali, avveniment bħal tal-lum narah ironiku wisq. Ġewwa Ta’ Qali llejla parti mill-popolazzjoni Maltija, nittama kemm jista’ jkun ċkejkna, se tinġabar biex turi s-sapport tagħha lejn it-tim nazzjonali tal-futbol, mhux Malti imma Taljan.


U nistaqsi bejni u bejn ruħi, min jaf kemm minn dawn il-Maltin bħali li llejla se jkunu lebsin il-blu, ixejjru bandiera bajda u ħamra, u ħadra u x’aktarx joffendu lill-Maltin ta’ faċċata tagħhom, matul dan l-aħħar xahar kienu fuq il-fosos tal-furjana għal xi mass meeting ta’ wieħed mill-partiti politiċi?
Nistħajjel lil Ġaħan li ġimgħatejn ilu ħareġ ipaqpaq wara li rebaħ il-Partit Laburista u jxejjer il-bandiera Maltija, kif mitlub mill-Prim il-ġdid ta’ pajjiżu, filwaqt li jgħajjat ‘Tagħna Lkoll’ b’kemm għandu saħħa.
Niftakar fil-kburi Nazzjonalist li tant ħassu superjuri waqt li jpoġġi dan l-istess timbru wara ismu, mingħajr ma lanqas jinduna bin-NAZZJON fil-kelma nazzjonalist u x’aktarx lanqas biss jifhem is-sinifikat tagħha.
U jiġini f’moħħi dak il-Malti li sejjaħ lil Franco Debono traditur għax poġġa l-interessi ta’ pajjiżu qabel l-interessi tal-partit tiegħu.
U nimmaġinhom it-tlieta li huma maġenb xulxin, fis-sodda tal-barrani ġar tagħna, ibiegħu ġisimhom għal daqsxejn ta’ rebħa li maż-żmien tintesa mal-oħrajn.
U fl-isfond ta’ dawn il-ħsibijiet kollha bħal nisma’ leħen Rużar Briffa jlissen il-poeżija tiegħu Jum ir-Rebħ b’tifkira ta’ ġrajja li seħħet fil-25 ta’ Marzu 1945 fl-istejdjum tal-Gżira, meta waqt logħba futbol li kienet ser tintlagħab bejn it-tim nazzjonali Malti u dak Jugożlav, il-Maltin qamu, b’mod spontanju, jkantaw l-Innu Malti b’rispett lejn pajjiżhom wara li dan ma ndaqqx u minfloku ndaqq l-innu Ingliż. U nistħajjel lil Mikiel Anton Vassalli għal darb’oħra jitqalleb minn fejn jinsab, din id-darba b’korla liema bħalha u jisħet lil dawn ħutu li snin wara, minkejja mingħalihom li mxew ‘il quddiem, reġgħu lura għal poplu maħkum minn nuqqas ta’ dinjità u rispett lejn artu, lejn missirijietu u lejh innifsu.