Claudia Agius
Sunday, May 19, 2013
Il-mara ideali!
Xi ġimagħtejn ilu fuq NET TV Gloria Mizzi stiednet ħames nisa li kollha, fi żmienhom, kienu rebħu l-istess kuntest. Dan il-kuntest m'għadux isir illum iżda hi spjegat kif żmien ilu xi kontessa partikolari kienet torganizza il-Kuntest tal-Mara Ideali li r-rebbieħa tiegħu kienet titla' tikkompeti l-Italja flimkien ma kontinġent sħiħ ta' nisa jakkumpanjawha. Biex tikkwalifika għal dan il-kuntest ridt tissodisfa xi ftit kriterji. Il-mara ideali kellha tkun:
1. miżżewġa, 2. mara tad-dar, 3. taf tirrakma, tħit, issajjar, tgħaddi u tnaddaf. U naturalment ir-raġel tagħha kellu jtiha permess tikkompeti.
Min jaf illum kif tkun kieku jkollna nagħżlu l-mara ideali? Min jaf xi jkunu l-kriterji neċessarji li jkollha tissodisfa mara li taspira għal dan it-titlu illum fl-2013? Forsi twila u rqiqa, xagħarha bblowjat, difrejha tal-plastic u timxi fuq takkuna ta' mill-inqas tlett pulzieri mingħajr tbatija ta' xejn? Forsi mara emanċipata li taf xi trid u kapaċi tibni familja filwaqt li xorta waħda timxi l-quddiem fil-karriera tagħha? Jew mara li kapaċi taqbeż għad-drittijiet tagħha, tinża b'sidirha barra bla mistħija biex tiġġieled għall-ugwaljanza u turi li ġisimha mhux għall-bejgħ? Jew inkella mara moderna, versatili u sportiva jew artista, kantanta, attriċi? Jew avukata, tabiba, studjuża, xjenzata li skopriet il-kura għal xi marda kiefra?
Jew forsi, kif jindika dan il-pavaljun imdendel f'Birkirkara, iva fl-2013, il-mara ideali għandha tkun tixbaħ lil Santa Rita; mudell perfett tan-nisa f'kull stat tagħhom?
Santa Rita? Dażgur! Mara obbidjenti li żżewġet ta' tnax-il sena, għax imġiegħla minn missierha, lil raġel sinjur li dam isawwatha għal għoxrin sena. Baqgħet miegħu sa ma kkonvertietu u ftit wara nqatel b'diversi daqqiet ta' arma ppuntata. Naturalment rabbiet lil uliedha li l-ewwel wieħed wellditu ta' tnax-il sena u fl-eta ta' 36, wara li romlot daħlet soru, kif kienet ilha tixtieq tagħmel minn qabel ma missierha żewwiġha. Fil-ħin liberu tagħha kienet issawwat lilha nfisha biex dnubietha jinħafrulha.
Nittama biss li ma kinitx mara li ħarġet bl-idea ta' dan il-pavaljun ġenjali!
Ritratt meħud minn Toni Attard.
Labels:
birkirkara,
contest,
ideal woman,
kuntest,
mara,
mara ideali,
rita,
santa rita,
st. rita,
women
Saturday, May 18, 2013
Kellimni bl-ingliż please

Finalment wara snin twal, ħlisna minn Eileen Montesin u mingħajr ma ndur wisq mal-lewża minn ġot-taġen intfajna għal ġon-nar! Mhux se nikkummenta wisq dwar il-kummentarju u l-battuti xi kultant tajbin u aktar spiss fjakki taż-żewġ kummentaturi ġodda, li ormaj ħadu post Becky u sirt issibhom kull ħin u kull mument tal-ġurnata fuq l-istazzjon nazzjonali, imma fuq kummenti ta' kategorija partikolari nħoss li ma nistax ma nikkummentax.
Ma' kull kanzunetta kantata bil-franċiż, ċiniż, ġermaniż jew xi lingwa oħra li mhix l-ingliż, Gordon u Rodney qed jidhrilhom li hi idea tajba li jgħaddu biż-żmien din id-deċiżjoni. Qisu għax aħna bħala poplu għażilna li niċħdu l-lingwa tagħna biex intellgħu diski kantati bl-ingliż biex kulħadd jifhimhom u b'hekk immorru aħjar, allura kulħadd għandu jagħmel bħalna.
Ma nafx jien min hu l-akbar ħmar, bejn pajjiż li jagħżel li jesponi l-lingwa tiegħu f'kompetizzjoni ta' mużika li l-biċċa l-kbira tagħha hi medjokri jew dak il-pajjiż li jibqa' jħoss li biex jintgħoġob għandu jissellef lingwa barranija bit-tama li xi darba jiġi mifhum.
Labels:
2013,
bezzina,
eurovision,
gianluca,
language,
lingwa,
malta,
maltese,
maltese language,
malti
Tuesday, March 26, 2013
Maltin bħali
Ġimagħtejn
biss il-bogħod mill-elezzjonijiet ġenerali, avveniment bħal tal-lum narah
ironiku wisq. Ġewwa Ta’ Qali llejla parti mill-popolazzjoni Maltija, nittama
kemm jista’ jkun ċkejkna, se tinġabar biex turi s-sapport tagħha lejn it-tim
nazzjonali tal-futbol, mhux Malti imma Taljan.
U nistaqsi
bejni u bejn ruħi, min jaf kemm minn dawn il-Maltin bħali li llejla se jkunu
lebsin il-blu, ixejjru bandiera bajda u ħamra, u ħadra u x’aktarx joffendu
lill-Maltin ta’ faċċata tagħhom, matul dan l-aħħar xahar kienu fuq il-fosos
tal-furjana għal xi mass meeting ta’ wieħed mill-partiti politiċi?
Nistħajjel
lil Ġaħan li ġimgħatejn ilu ħareġ ipaqpaq wara li rebaħ il-Partit Laburista u
jxejjer il-bandiera Maltija, kif mitlub mill-Prim il-ġdid ta’ pajjiżu, filwaqt
li jgħajjat ‘Tagħna Lkoll’ b’kemm għandu saħħa.
Niftakar fil-kburi
Nazzjonalist li tant ħassu superjuri waqt li jpoġġi dan l-istess timbru wara
ismu, mingħajr ma lanqas jinduna bin-NAZZJON fil-kelma nazzjonalist u x’aktarx lanqas biss jifhem is-sinifikat tagħha.
U jiġini
f’moħħi dak il-Malti li sejjaħ lil Franco Debono traditur għax poġġa
l-interessi ta’ pajjiżu qabel l-interessi tal-partit tiegħu.
U
nimmaġinhom it-tlieta li huma maġenb xulxin, fis-sodda tal-barrani ġar tagħna,
ibiegħu ġisimhom għal daqsxejn ta’ rebħa li maż-żmien tintesa mal-oħrajn.
U fl-isfond ta’ dawn il-ħsibijiet kollha bħal nisma’
leħen Rużar Briffa jlissen il-poeżija tiegħu Jum ir-Rebħ b’tifkira ta’ ġrajja
li seħħet fil-25 ta’ Marzu 1945 fl-istejdjum tal-Gżira, meta waqt logħba futbol
li kienet ser tintlagħab bejn it-tim nazzjonali Malti u dak Jugożlav, il-Maltin
qamu, b’mod spontanju, jkantaw l-Innu Malti b’rispett lejn pajjiżhom wara li
dan ma ndaqqx u minfloku ndaqq l-innu Ingliż. U nistħajjel lil Mikiel Anton
Vassalli għal darb’oħra jitqalleb minn fejn jinsab, din id-darba b’korla liema
bħalha u jisħet lil dawn ħutu li snin wara, minkejja mingħalihom li mxew ‘il
quddiem, reġgħu lura għal poplu maħkum minn nuqqas ta’ dinjità u rispett lejn
artu, lejn missirijietu u lejh innifsu.
Labels:
franco debono,
futbol,
jum ir-rebħ,
malta,
maltin,
mikiel anton vassalli,
nazzjon,
patrijottiżmu,
rużar briffa,
ta' qali
Location:
Malta
Subscribe to:
Posts (Atom)